You need to enable JavaScript in order to use the AI chatbot tool powered by ChatBot
top of page
Awards-banner-2025.jpg

Termini u Kundizzjonijiet

1. Ambitu
 

Dawn li ġejjin huma t-Termini u l-Kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-Malta Tourism Awards organizzati mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. Dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet huma disponibbli wkoll bil-lingwa Ingliża. Fil-każ ta’ kwalunkwe diskrepanza bejn il-verżjoni Ingliża u dik bil-Malti, għandha tipprevali l-verżjoni Ingliża.

 

2. Definizzjonijiet
 

“MTA” tfisser l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
 

“Premjijiet” jirreferu għall-Malta Tourism Awards organizzati mill-MTA u jinkludu kollettivament kull Premju individwali, jiġifieri: il-Premju għall-Iżvilupp tat-Turiżmu Responsabbli; il-Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena; u r-Rikonoxximent ta’ Tema Speċjali.
 

Il-kelma “Premju” fis-singular tista’ tirreferi għal kwalunkwe wieħed minn dawn jew għal wieħed speċifiku, kif indikat mill-kuntest.
 

“Ċerimonja tal-Premjazzjoni” tfisser iċ-ċerimonja organizzata mill-MTA li fiha jitħabbru r-riżultati tal-Malta Tourism Awards.
 

“Negozju jew Kumpanija Eliġibbli” jirreferi għal operazzjoni fl-industrija tat-turiżmu f’Malta li għandha liċenzja attiva u valida (li tkun ħallset it-tariffi applikabbli kollha) mal-MTA jew ma’ kwalunkwe entità nazzjonali kompetenti oħra tal-Gvern, u/jew li għandha siġill validu ta’ Ċertifikat ta’ Kwalità tal-MTA, fil-mument tas-sottomissjoni tal-Formola tan-Nomina.

Negozju jew Kumpanija Eliġibbli tista’ tkun stabbiliment individwali jew parti minn konsorzju jew grupp ta’ kumpaniji.

 

“Applikant” ifisser in-Negozju jew il-Kumpanija Eliġibbli, jew kwalunkwe entità jew individwu ieħor, li jissottometti Formola tan-Nomina biex jinnomina lilu nnifsu jew lil ħaddieħor għal Premju, sakemm ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà applikabbli għall-Premju rilevanti jkunu sodisfatti.
 

“Dati tal-Ftuħ u tal-Għeluq” jirreferu għad-dati tal-Premjijiet tat-Turiżmu ppubblikati fuq il-websajt tal-Osservatorju tat-Turiżmu ta’ Malta li jindikaw id-dati tal-ftuħ u tal-għeluq għas-sottomissjoni tan-Nominazzjonijiet.
 

“Osservatorju tat-Turiżmu ta’ Malta” ifisser it-taqsima tal-MTA responsabbli għall-monitoraġġ u l-iggwidar tal-industrija Maltija tat-turiżmu  sabiex tkun konformi mal-istrateġija ġenerali tat-Turiżmu tal-MTA.
 

“Malta Tourism Awards” jirreferu għaċ-ċerimonja ta’ premjijiet organizzati mill-MTA, u t-tħejjija preċedenti għat-tali ċerimonja, sabiex juru u jonoraw lill-aqwa fornituri lokali tas-servizzi tat-turiżmu kif ukoll jippromwovu, jinkoraġġixxu u jippremjaw servizz turistiku ta’ kwalità f’Malta.
 

“Mikro-Negozji” ifissru negozji operati minn individwu wieħed jew numru żgħir ta’ individwi, fejn in-numru massimu applikabbli jiġi ddeterminat mill-MTA fuq bażi ta’ każ b’każ.
 

“Nomina” tirreferi għas-sottomissjoni tal-Formola tan-Nomina magħmula minn Applikant li trid timtela fuq il-websajt tal-Osservatorju tat-Turiżmu ta’ Malta.
 

“Formola tan-Nomina” tfisser il-formola onlajn li trid timtela u tiġi sottomessa permezz tal-websajt tal-Osservatorju tat-Turiżmu ta’ Malta bħala s-sottomissjoni tad-dħul għal Premju.

 

“Nominat/a” jirreferi għan-negozju u/jew l-individwu (kif jista’ jkun applikabbli, skont il-Premju inkwistjoni) li jkun ġie nominat b’mod validu għal Premju partikolari.
 

“Proġett” ifisser kwalunkwe inizjattiva, miżura, attività, programm, skema, investiment, żvilupp, titjib, innovazzjoni, intervent jew impriża oħra, kemm jekk tanġibbli jew intanġibbli, li fir-rigward tagħha Nominat/a jkun ġie nominat/a.
 

“Kumitat ta’ Għażla” għandu jkun Kumitat speċifikament maħtur mill-MTA għall-iskop ta’ u biex jissorvelja l-Malta Tourism Awards.
 

“Evalwazzjoni Abbażi ta’ Data” tfisser il-parti tal-proċess ta’ għażla li tuża għarfien strutturat li jirriżulta minn rispons disponibbli pubblikament fuq Pjattaformi Onlajn Irrikonoxxuti, applikat skont il-kategorija u meħud flimkien mal-evalwazzjoni tal-Kumitat ta’ Għażla.
 

“Pjattaforma Onlajn Irrikonoxxuta” tfisser servizz pubbliku ta’ parti terza li jsegwi proċess stabbilit, kredibbli u standardizzat għall-ġbir u l-pubblikazzjoni ta’ rispons tal-mistednin (eż., klassifikazzjonijiet bi stilel u/jew kummenti bil-miktub). Websajts personali, paġni privati, u pjattaformi mingħajr proċess ta’ rispons kredibbli huma esklużi minn tali definizzjoni.
 

“Profil Uffiċjali” ifisser il-profil ivverifikat tan-Nominat/a fuq Pjattaforma Onlajn Irrikonoxxuta li jirrappreżenta b’mod preċiż l-organizzazzjoni nominata.
 

“Perijodu ta’ evalwazzjoni” ifisser kummenti/klassifikazzjonijiet onlajn datati bejn l-1 ta’ Jannar 2026 u l-31 ta’ Diċembru 2026 (inklużi).

 

3. Sottomissjoni ta’ Applikazzjoni

 

In-Negozju jew Kumpanija Eliġibbli li tissottometti Nomina qed taqbel li tintrabat b’dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet stabbiliti għall-Malta Tourism Awards.
 

Tista’ tiġi sottomessa Nomina biss minn Negozju jew Kumpanija Eliġibbli, u dan sad-Data tal-Għeluq rilevanti kif ippubblikata fuq il-websajt tal-Osservatorju tat-Turiżmu ta’ Malta.

 

4. Eliġibbiltà

 

Is-sottomissjonijiet għall-Premju għall-Iżvilupp tat-Turiżmu Responsabbli għandhom ikunu relatati ma’ proġett li jkun tlesta matul is-sena 2026 minn Negozju jew Kumpanija Eliġibbli li tilqa’ turisti. Għal dan il-Premju l-Applikant irid jindika jekk in-Nomina tirrappreżentax l-istabbiliment tiegħu stess jew jekk tkunx f’isem konsorzju jew grupp ta’ kumpaniji. Kwalunkwe parti involuta trid tkun Negozju jew Kumpanija Eliġibbli li tilqa’ turisti. Negozju jew Kumpanija Eliġibbli tista’ tissottometti Nomina waħda biss.
 

Negozju jew Kumpanija Eliġibbli li qabel kienet ir-rebbieħa ta’ Premju, ma tistax terġa’ tiġi nnominata għall-istess proġett rebbieħ fi snin konsekuttivi, ħlief meta s-sottomissjoni l-ġdida tkun tirrigwarda investiment jew proġett li jkun sostanzjalment differenti.
 

Is-sottomissjoni għall-Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena trid tkun relatata mal-prestazzjoni ta’ impjegat matul is-sena 2026 f’Negozju jew Kumpanija Eliġibbli. Għal dan il-Premju tista’ tiġi sottomessa Nomina biss minn Negozju jew Kumpanija Eliġibbli. Jista’ jiġi nnominat impjegat wieħed biss għal kull Negozju jew Kumpanija Eliġibbli. Fil-każ ta’ Mikro-Negozji, l-Applikanti jistgħu jinnominaw lilhom infushom, fid-diskrezzjoni tal-MTA.
 

Fil-każ ta’ operatur tat-turiżmu u tal-ivvjaġġar, l-Applikanti jistgħu jinnominaw impjegat mit-tim tagħhom stess iżda jistgħu wkoll separatament jissottomettu Nominazzjonijiet oħra biex jinnominaw gwida turistiku wieħed u/jew operatur tat-trasport domestiku wieħed, li magħhom jikkollaboraw.
 

Għandha tapplika restrizzjoni ta’ sentejn għan-Nominazzjoni mill-ġdid fuq ir-rebbieħa tal-Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena; għalhekk, l-istess individwu ma jistax jerġa’ jiġi nnominat matul dan il-perijodu.
 

In-Nominazzjonijiet għar-Rikonoxximent ta’ Tema Speċjali għandhom ikunu relatati ma’ inizjattivi mwettqa matul l-aħħar tliet snin (2024–2026) sabiex jiġi promoss it-tkabbir fit-Turiżmu Reliġjuż u tal-Fidi.
 

In-Nominazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi minn:

  • Operaturi tat-Turiżmu Liċenzjati;

  • NGOs irreġistrati;

  • Entitajiet Pubbliċi; u

  • Organizzazzjonijiet oħra u/jew individwi li ma jkunux involuti f’xi attività kummerċjali relatata mat-tema.


Il-Kumitat ta’ Għażla jżomm id-dritt fid-diskrezzjoni assoluta tiegħu li jiskwalifika kwalunkwe Nomina li l-MTA jkollha raġuni temmen li tikser xi waħda minn dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet. Dan jinkludi l-ksur ta’ kwalunkwe rekwiżit ta’ eliġibbiltà jew involviment f’xi aġir illegali, frodulenti, qarrieq, ta’ ingann jew aġir ieħor mhux xieraq li jista’ jippreġudika l-amministrazzjoni ġusta u xierqa tal-Malta Tourism Awards. Qabel kwalunkwe skwalifika, l-Applikant għandu jiġi nnotifikat bil-motivi u jingħata opportunità raġonevoli biex jagħmel rappreżentazzjonijiet lill-Kumitat ta’ Għażla.
 

Il-Kumitat ta’ Għażla ma jaċċetta l-ebda responsabbiltà għal kwalunkwe Nomina mitlufa sakemm tasal jew li ma tasalx sad-Data tal-Għeluq minħabba problemi tekniċi jew xi raġuni oħra lil hinn mill-kontroll tal-MTA. In-Nominati, kemm jekk individwi jew rappreżentanti ta’ entità/kumpanija, skont il-Premju inkwistjoni, jiġu mistiedna jattendu ċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni. L-MTA tirriżerva d-dritt li tiddeċiedi fuq in-numru preċiż ta’ stediniet skont ir-restrizzjonijiet loġistiċi.

 

5. Applikazzjoni għall-Premjijiet


Meta jissottometti Formola tan-Nomina għall-Premju għall-Iżvilupp tat-Turiżmu Responsabbli jew għar-Rikonoxximent ta’ Tema Speċjali, l-Applikant jikkonferma li huwa debitament awtorizzat biex jissottometti l-Formola tan-Nomina f’isem il-partijiet kollha assoċjati mal-proġett imsemmi fis-sottomissjoni.

Meta jissottometti Formola tan-Nomina għall-Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena, l-Applikant jikkonferma li huwa debitament awtorizzat biex jissottometti l-Formola tan-Nomina f’isem il-partijiet kollha assoċjati mal-impjieg tan-Nominat/a u mal-impjegat.
 

L-Applikant għandu jkollu d-drittijiet u l-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa bil-liġi jew minn obbligi oħra li jista’ jkun marbut bihom, biex jissottometti l-Formola tan-Nomina u għandu jkun responsabbli li jiżgura li l-informazzjoni kollha sottomessa tkun vera, kurrenti u kompluta, aġġornata sal-jum tas-sottomissjoni.

Kontenut iġġenerat mill-Intelliġenza Artifiċjali (AI), kif ukoll kull assistenza pprovduta permezz tal-Chatbot matul il-proċess tal-applikazzjoni, għandhom jintużaw biss bħala għodda ta’ gwida u ma għandhomx jitqiesu bħala l-uniku sors ta’ informazzjoni fattwali. Verifika indipendenti mill-Applikant hija mistennija u meħtieġa.
 

Id-dettalji rilevanti kollha għandhom jingħataw fil-Formola tan-Nomina fil-fażi tal-applikazzjoni. Formoli tan-Nomina li ma jimtlewx b’mod sħiħ ma jiġux ikkunsidrati.
 

L-Applikanti għandhom il-faċilità li jżommu l-Formoli tan-Nomina tagħhom bħala abbozz għal aktar emendi qabel ma jissottomettu l-Formoli tan-Nomina. Kwalunkwe Formola tan-Nomina li tibqa’ f’verżjoni ta’ abbozz wara d-Data tal-Għeluq ma tiġix meqjusa bħala finalizzata mill-MTA, jekk ma tiġix sottomessa b’mod formali, u ma tiġix inkluża fil-proċess ta’ evalwazzjoni.
 

Fil-każ li l-istess Formola tan-Nomina tiġi sottomessa iktar minn darba, għall-evalwazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-aħħar sottomissjoni riċevuta qabel id-Data tal-Għeluq.
 

Kwalunkwe pretensjoni inkluża fil-Formola tan-Nomina għandha tkun sostnuta minn evidenza xierqa, u t-tlugħ ta’ materjal ta’ sostenn huwa obbligatorju.
 

L-informazzjoni ppreżentata għandha tiffoka fuq inizjattivi u/jew prestazzjoni relatati mas-sena 2026. Il-materjal kollu ta’ sostenn u l-evidenza pprovduta għandhom ikunu b’mod xieraq u korrett datati.
 

Matul il-proċess tal-għażla, tista’ tintalab data jew informazzjoni addizzjonali mill-Applikant minn u skont id-diskrezzjoni tal-Kumitat ta’ Għażla.
 

L-informazzjoni kollha pprovduta fil-Formola tan-Nomina tiġi ttrattata bl-aktar kunfidenzjalità stretta.

L-ebda informazzjoni ma tiġi żvelata lil partijiet terzi, minbarra dawk involuti fil-proċess tal-għażla tal-Premjijiet, mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Applikant.
 

Meta jissottometti Formola tan-Nomina, l-Applikant jagħti lill-MTA liċenzja perpetwa, mhux esklużiva, mingħajr ħlas ta’ royalties, mhux trasferibbli u mhux sublicenzjabbli biex tirriproduċi, turi u tuża b’mod ieħor il-logo tal-kumpanija rispettiva tan-Nominat/a (jekk u fejn applikabbli), biss għall-iskop tal-amministrazzjoni, il-pubbliċità u l-promozzjoni tal-Malta Tourism Awards, fi kwalunkwe midja u fil-forma kif ipprovduta. L-Applikant jirrappreżenta u jiggarantixxi li hu sid, jew li kiseb id-drittijiet, il-permessi u l-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa biex jagħti din il-liċenzja lill-MTA, u li l-użu mill-MTA tal-logo skont din il-klawżola ma jiksirx drittijiet ta’ partijiet terzi. L-MTA tista’ wkoll tuża l-isem u r-ritratt tan-Nominat/a biss għall-istess skop u perijodu. Il-logo u r-ritratt għandhom jintużaw eżattament fil-forma kif ipprovduta minn jew f’isem in-Nominat/a. Kwalunkwe użu lil hinn minn dan l-ambitu jeħtieġ il-kunsens bil-miktub minn qabel tan-Nominat/a.

 

6. Dati tal-Ftuħ u tal-Għeluq

 

Il-Kumitat ta’ Għażla jirriżerva d-dritt li jestendi jew jibdel il-perijodu ta’ sottomissjoni jekk ikun meħtieġ.

Id-Dati tal-Ftuħ u tal-Għeluq jitħabbru fuq il-paġna tal-Premjijiet tal-websajt tal-Osservatorju tat-Turiżmu ta’ Malta: www.mtobservatory.org/awards

 

7. Għażla
 

L-Applikanti jaqblu li fir-rigward tal-għażla tal-Premjijiet, huma għandhom ikunu marbutin u josservaw id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Għażla.
 

Il-Kumitat ta’ Għażla jinħatar mill-MTA, ikun magħmul minn rappreżentanti tal-industrija tat-turiżmu lokali u entitajiet pubbliċi oħra u li l-membri tiegħu jiffirmaw ftehim ta’ kunfidenzjalità u huma mistennija jkunu kemm jista’ jkun ġusti u trasparenti fl-għażliet kollha magħmula rigward il-Premjijiet.

 

Għall-Premju għall-Iżvilupp tat-Turiżmu Responsabbli, se jkun hemm rebbieħ wieħed u kandidat ieħor bħala t-tieni kklassifikat għal kull settur eliġibbli.
 

Tista’ tiġi sottomessa proġett wieħed biss minn Negozju jew Kumpanija Eliġibbli għal dan il-Premju. Il-proġett għandu jkun implimentat għall-benefiċċju dirett tal-faċilità jew tas-servizz turistiku tal-istabbiliment, u għandu jkun ibbażat fuq azzjonijiet, riżultati jew inizjattivi li jkunu twettqu matul is-sena 2026.
 

F’każijiet fejn in-Nominat/a tifforma parti minn kumpanija omm internazzjonali jew barranija, in-Nomina għandha turi b’mod ċar il-kontribut dirett tar-rappreżentanza lokali. Inizjattivi, investimenti jew proġetti mwettqa esklużivament mill-kumpanija omm barranija, mingħajr involviment jew kontribut sostanzjali mill-istabbiliment lokali, ma jitqisux validi għall-finijiet ta’ dawn il-Premjijiet. L-Applikanti għandhom jipprovdu evidenza li turi li l-inizjattiva tirrifletti l-azzjonijiet, l-investiment jew l-isforz tal-entità lokali nnifisha u li ma kinitx immexxija prinċipalment mill-kumpanija omm barranija jew minn kwalunkwe klijent barrani.
 

L-evalwazzjoni tal-Premjijiet għandha tinkorpora evalwazzjoni mill-Kumitat ta’ Għażla kif ukoll Evalwazzjoni Abbażi ta’ Data li tirriżulta minn rispons mogħti. In-Nominati huma kklassifikati fil-kategorija tagħhom bl-użu ta’ metriċi adattati skont il-kategorija, imbagħad jingħaqdu mal-evalwazzjoni tal-Kumitat ta’ Għażla biex jiġu stabbiliti r-riżultati finali.
 

Evalwazzjoni f’livell għoli Abbażi ta’ Data għandha tkun iffukata fuq:

  • Preżenza Uffiċjali – li jkollhom profil ivverifikat u aċċessibbli fuq Pjattaformi Onlajn Irrikonoxxuti;

  • Volum u Konsistenza ta’ Rispons – in-numru u r-regolarità tar-rispons riċevut;

  • Klassifikazzjoni bi Stilel – il-klassifikazzjoni medja globali aġġustata skont il-volum ta’ rispons;

  • Prontezza biex jirrispondu – kemm malajr u b’mod kostruttiv jiġi indirizzat ir-rispons tal-klijenti;

  • Sentiment – it-ton u d-dettall fir-rispons tal-klijenti li jagħti stampa tal-esperjenza sħiħa tal-klijenti.

L-issettjar speċifiku tal-kalkolu u l-piżijiet attribwiti lil kull settur għandhom jiġu preskritti fil-metodoloġija adottata u approvata mill-MTA.
 

Użu ta’ Data ta’ Parti Terza u Integrità:
 

Huwa biss rispons mogħti fil-perijodu ta’ evalwazzjoni li għandu jiġi kkunsidrat, bl-użu ta’ Profili Uffiċjali vverifikati permezz ta’ proċess ta’ integrità tad-data. Profili jew rispons idduplikati, mhux uffiċjali jew manipulati jistgħu jiġu esklużi mill-Evalwazzjoni Abbażi ta’ Data, u jekk ikun hemm suspett ta’ manipulazzjoni ta’ rispons dan jista’ jirriżulta f’aġġustamenti fil-punteġġ jew skwalifika. L-MTA ma hijiex responsabbli għal kwalunkwe kwistjonijiet u difetti relatati ma’ pjattaformi ta’ partijiet terzi, u rispons mibdul jew imħassar wara d-Data tal-Għeluq ma jiġix ikkunsidrat waqt l-evalwazzjoni tal-Premjijiet tal-2026.

 

Għall-Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena se jkun hemm rebbieħ wieħed u kandidat ieħor bħala t-tieni kklassifikat għal kull settur eliġibbli.
 

Tista’ tiġi sottomessa Nomina ta’ impjegat wieħed biss minn Negozju jew Kumpanija Eliġibbli għal dan il-Premju, u n-Nominat/a trid taqa’ taħt wieħed mis-setturi eliġibbli għal din il-kategorija. In-Nomina għandha tkun ibbażata fuq il-prestazzjoni, il-kisbiet jew il-kontribuzzjonijiet tal-impjegat matul is-sena taħt evalwazzjoni, jiġifieri s-sena 2026.
 

Operatur tat-turiżmu u tal-ivvjaġġar, bħala Negozju jew Kumpanija Eliġibbli, jista’ jinnomina impjegat mit-tim tiegħu stess u jista’ wkoll jissottometti Nominazzjonijiet oħra biex jinnomina gwida turistiku wieħed u/jew operatur tat-trasport domestiku wieħed li magħhom jikkollabora.
 

Fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ Nominazzjonijiet, peress li l-Kumpaniji tal-Ġestjoni tad-Destinazzjonijiet jaħdmu ma’ numru ta’ gwidi turistiċi u operaturi tat-trasport domestiku, l-isem tal-Applikant għandu jibqa’ strettament kunfidenzjali u ma għandux jiġi żvelat f’ebda stadju tal-proċess, inkluż waqt iċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni.

Filwaqt li l-impjegat rebbieħ tal-Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena jirċievi trofew, it-tim immedjat tagħhom jibbenefika minn sessjoni ta’ team-building, li tagħti opportunità lit-tim jiċċelebra s-suċċess tal-kollega tagħhom u b’hekk ikun hemm kontribut għal tkabbir u kollaborazzjoni.

 

* Massimu ta’ 10 parteċipanti għal kull rebbieħ ta’ kategorija jistgħu jibbenefikaw mill-attività ta’ team-building offruta.
 

Fil-każ ta’ Mikro-Negozji, l-Applikanti huma permessi jinnominaw lilhom infushom għall-Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena. In-Nominazzjonijiet għandhom jinkludu rispons u testimonjanzi mingħand klijenti u/jew partijiet interessati sabiex tiġi żgurata r-rikonoxxenza ġusta tal-isforzi u l-kisbiet tagħhom. L-impjegati rebbieħa minn Mikro-Negozji jiġu ppremjati b’trofew u opportunità ta’ taħriġ speċifiku għall-industrija biex jgħinhom fl-Iżvilupp Professjonali Kontinwu tagħhom.
 

Il-membri tal-Kumitat ta’ Għażla jżommu d-dritt li ma jagħtu l-ebda Premju f’xi jew f’kull kategorija jew settur jekk, fl-opinjoni tagħhom, in-Nominazzjonijiet kollha sottomessi ma jkunux ta’ valur suffiċjenti.

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Għażla huma finali, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ reviżjoni jew appell disponibbli skont il-liġi applikabbli.
 

Ma għandu jkun hemm l-ebda komunikazzjoni privata bejn membri individwali tal-Kumitat ta’ Għażla u l-Applikanti, in-Nominati jew kwalunkwe rappreżentanti tagħhom dwar il-kriterji tal-għażla, il-proċess u/jew id-deċiżjonijiet. Il-Kumitat ta’ Għażla jirriżerva d-dritt li jiftaħ komunikazzjoni uffiċjali mal-Applikanti jekk ikun hemm bżonn li jsiru intervisti ma’ Nominati waqt il-proċess ta’ għażla jew jitlob li jmur żjara fuq il-post. Il-proċess tal-għażla huwa ssorveljat minn nutar.
 

Il-Proċess ta’ Għażla jibda wara d-Data tal-Għeluq.

 

8. Premjijiet

 

Il-Malta Tourism Awards u s-setturi rispettivi tagħhom huma s-segwenti:


Kategorija A:

Setturi

Premju għall-Iżvilupp tat-Turiżmu Responsabbli

Jistgħu jiġu sottomessi Nominazzjonijiet f’waħda mill-kategoriji segwenti:

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Tagħlim tal-Lingwa Ingliża

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Ċentru ta’ Diving

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Trasport Domestiku (inkluż Art u Baħar)

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Attrazzjoni għall-Viżitaturi *

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Ivvjaġġar u Turiżmu (Aġenziji tal-Ivvjaġġar li jilqgħu, Destination Management Companies u Organizzaturi ta’ Eskursjonijiet)

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Stabbiliment tal-Ikel

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Akkomodazzjoni (<75 kamra tas-sodda)

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Akkomodazzjoni (>75 kamra tas-sodda) 

* L-Applikanti għandhom jimmarkaw il-kaxxa rilevanti fil-Formola tan-Nomina sabiex jindikaw jekk l-Attrazzjoni Turistika hijiex proprjetà privata jew proprjetà pubblika.

 

Kriterji
 

Nominazzjonijiet għandhom jindirizzaw:

  • Turiżmu Intelligenti u Diġitalizzazzjoni; u/jew

  • Taħriġ u Titjib tal-Ħiliet fir-Riżorsi Umani; u/jew

  • Sostenibbiltà u Dekarbonizzazzjoni; u/jew

  • Innovazzjoni u Tħejjija għall-Futur.
     

Għandu jiġi nnotat li risposta bħala ‘mhux applikabbli’ għal kwalunkwe wieħed mill-kriterji ta’ hawn fuq tiġi penalizzata b’żero marki. Għaldaqstant, Nominazzjonijiet li jissodisfaw diversi kriterji jiksbu punteġġ ġenerali u klassifikazzjoni ogħla.
 

Filwaqt li l-kriterji ta’ hawn fuq jiġu evalwati minn Kumitat ta’ Għażla, ser ikun hemm kriterju addizzjonali ta’ evalwazzjoni li ser jiġi applikat permezz ta’ mudell awtomatizzat li janalizza l-Preżenza Diġitali tan-Negozji jew Kumpaniji Eliġibbli li jkunu nnominati taħt il-kategorija tal-Premju għall-Iżvilupp tat-Turiżmu Responsabbli.

 

Kategorija B:

Setturi

Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena

Is-setturi segwenti huma eliġibbli għal Nomina:

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Tagħlim tal-Lingwa Ingliża (Skejjel/Familji Ospitanti)

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Ċentru tad-Diving

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Trasport Domestiku (inkluż Art u Baħar)#

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Attrazzjoni għall-Viżitatur*

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Servizzi ta’ Ivvjaġġar u Turiżmu (Aġenziji tal-Ivvjaġġar li jilqgħu, Destination Management Companies u Organizzaturi ta’ Eskursjonijiet)

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Gwidi Turistiċi#

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Stabbilimenti tal-Ikel

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Akkomodazzjoni (<75 kamra tas-sodda)

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Akkomodazzjoni (>75 kamra tas-sodda)

 

* L-Applikanti għandhom jimmarkaw il-kaxxa rilevanti fil-Formola tan-Nomina sabiex jindikaw jekk l-Attrazzjoni Turistika hijiex proprjetà privata jew proprjetà pubblika.
 

# L-operaturi tas-Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu jistgħu jissottomettu Nominazzjonijiet fis-Settur tat-Trasport Domestiku u fis-Settur tal-Gwidi Turistiċi rispettivament, minbarra Nominazzjonijiet fil-kategorija tagħhom stess.

 

Kriterji
 

Nominazzjonijiet li jissodisfaw diversi kriterji mil-lista segwenti jirċievu klassifikazzjoni ogħla:

1. Il-ħaddiem wera prestazzjoni eżemplari fl-operazzjonijiet ta’ kuljum fl-2026;

2. Il-ħaddiem wera ħiliet eċċezzjonali fis-servizz lill-klijenti, li marru lil hinn minn dak meħtieġ biex tiġi żgurata esperjenza pożittiva għat-turisti u l-viżitaturi fl-2026;

3. Il-ħaddiem wera kapaċità ta’ tmexxija, kreattività u xogħol f’tim fl-2026;

4. Il-ħaddiem wettaq azzjonijiet li jistħoqqilhom apprezzament, li marru lil hinn mill-obbligi tax-xogħol, kemm fil-post tax-xogħol kif ukoll permezz ta’ kontribuzzjonijiet esterni bħal parteċipazzjoni f’programmi ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR), xogħol volontarju ma’ NGOs irreġistrati, jew inizjattivi oħra notevoli fl-2026.

 

9. Rikonoxximent
 

Kategorija C:

​

Ambitu

​

Rikonoxximent ta’ Tema Speċjali

​

Din il-kategorija tirrikonoxxi u tiċċelebra oqsma ġodda u li qed jespandu b’pass mgħaġġel fil-prodott turistiku Malti, li jagħtu prominenza lil oqsma innovattivi u speċjalizzati li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni u l-arrikkiment tal-prodott turistiku ta’ Malta. Dawn l-oqsma jistgħu jinkludu prodotti turistiċi ġodda, servizzi speċjalizzati, esperjenzi uniċi jew approċċi ġodda għall-ospitalità u l-promozzjoni tad-destinazzjoni. Din il-kategorija hija maħsuba biex tenfasizza u tirrikonoxxi niċeċ emerġenti fis-settur turistiku, u mhux biex tidentifika rebbieħ uniku. Għaldaqstant, ser jingħata rikonoxximent lill-entitajiet, organizzazzjonijiet jew individwi kollha li jkunu taw kontribut sinifikattiv għall-iżvilupp tal-qasam tematiku partikolari.

​

It-tema speċjali għas-sena 2026 hija “Turiżmu Reliġjuż u tal-Fidi”.

 

Eliġibbiltà

​

Biex ikunu eliġibbli, in-Nominati jridu juru tkabbir sostnut u li jista’ jitkejjel fuq perijodu ta’ tliet snin konsekuttivi (2024-2026), sostnut b’evidenza ċara ta’ inizjattivi.

In-Nominazzjonijiet għal din il-kategorija jistgħu jiġu sottomessi minn entitajiet involuti direttament fil-promozzjoni u l-iżvilupp tat-tema partikolari li tkun qed tiġi evalwata, b’mod speċifiku fir-rigward tas-suq turistiku, jiġifieri:

​

  • Operaturi tat-Turiżmu Liċenzjati;•           

  • NGOs irreġistrati;

  • Entitajiet Pubbliċi; u

  • Organizzazzjonijiet oħra u/jew individwi li ma jkunux direttament involuti f’xi attività kummerċjali relatata mat-tema.

 

Kriterji

Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kumitat ta’ Għażla jikkunsidra l-oriġinalità u d-distintività tal-qasam turistiku, il-kontribuzzjoni tiegħu għall-kompetittività tal-industrija tat-turiżmu Maltija u sa fejn jilħaq id-domanda dejjem tikber tas-suq filwaqt li joffri esperjenza pożittiva lill-viżitatur.

​

In-Nominazzjonijiet eliġibbli kollha f’din il-kategorija se jiġu ppreżentati b’ċertifikat u l-inizjattivi nominati ser jissemmew waqt iċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni, li se sservi bħala pjattaforma biex tkun iċċelebrata din it-Tema Speċjali.

 

 

Kategorija D:

Dan ir-rikonoxximent huwa ddedikat esklussivament lill-persuni jew entitajiet formalment imħabbra bħala rebbieħa tal-Gozo Tourism Awards mill-Gozo Tourism Association. Ir-rebbieħa jingħataw Ċertifikat ta’ Rikonoxximent waqt iċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni.

 

10. Kriterji ta’ Evalwazzjoni u Piżijiet

 

Kategorija A: Premju tal-Iżvilupp tat-Turiżmu Responsabbli

​

Nominazzjonijiet għal kull wieħed mis-segwenti:

​

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Tagħlim tal-Lingwa Ingliża

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Ċentru tad-Diving

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Trasport Domestiku (inkluż Art u Baħar)

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Attrazzjoni għall-Viżitaturi

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Ivvjaġġar u Turiżmu

(Aġenziji tal-Ivvjaġġar li jilqgħu, Destination Management Companies u Organizzaturi ta’ Eskursjonijiet)

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Stabbiliment tal-Ikel

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Akkomodazzjoni (<75 kamra tas-sodda)

~ Żvilupp tat-Turiżmu Responsabbli: L-Aqwa Akkomodazzjoni (>75 kamra tas-sodda) 

 

Tabella ta’ Kriterji

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​​​​​​​​Punteġġ Massimu Totali – 55

​

​Għandhom jiġu sottomessi eżempji speċifiċi ta’ inizjattivi mwettqa matul is-sena 2026.

​​​​​​​​​​​​​​​​

Kategorija B: Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena fis-setturi segwenti:

 

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Tagħlim tal-Lingwa (Skejjel/Familji Ospitanti)

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Ċentru tad-Diving

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Trasport Domestiku (inkluż Art u Baħar)

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Attrazzjoni għall-Viżitatur

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Servizzi ta’ Ivvjaġġar u Turiżmu (Aġenziji tal-Ivvjaġġar li jilqgħu, Destination Management Companies u Organizzaturi ta’ Eskursjonijiet)

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Gwidi Turistiċi

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Trasport Domestiku (inkluż Art u Baħar)

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Stabbilimenti tal-Ikel

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Akkomodazzjoni (<75 kamra tas-sodda)

~ Premju tal-Ħaddiem tat-Turiżmu tas-Sena: Akkomodazzjoni (>75 kamra tas-sodda)

 

Tabella ta’ Kriterji

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

​

Punteġġ Massimu Totali – 60

 

Għandhom jiġu sottomessi eżempji speċifiċi ta’ inizjattivi mwettqa matul is-sena 2026.

 

​

11. Liġi Applikabbli u Riżoluzzjoni ta’ Tilwim

​

Dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet huma rregolati minn u interpretati skont il-liġijiet ta’ Malta. Kwalunkwe tilwima li tirriżulta minn jew b’konnessjoni ma’ dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet għandha tkun soġġetta għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ Malta, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kwalunkwe persuna li tfittex reviżjoni amministrattiva skont il-liġi applikabbli.

 

 

12. Fażi Finali u Tħabbir tar-Rebbieħa

 

In-Nominati eliġibbli kollha se jiġu mistiedna għaċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni li se ssir f’Mejju 2027. Il-Kumitat ta’ Għażla se jagħżel b’mod preliminari numru ta’ Nominati minn kull Kategorija bħala finalisti. Ir-rebbieħ u kandidat ieħor bħala t-tieni kklassifikat minn kull Kategorija jitħabbru waqt iċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni.

​

L-Applikanti jistgħu jkunu mistennija jikkollaboraw billi jipprovdu kull informazzjoni meħtieġa mill-Kumitat ta’ Għażla. Jistgħu wkoll jintalbu jattendu intervista mal-Kumitat ta’ Għażla.

 

In-Nominati u n-Nominazzjonijiet li jitqiesu ineliġibbli jiġu infurmati permezz ta’ posta elettronika.​​

​

LogoINSTO_Reversed_2024.png
MTA logo copy.png

© 2022 - MTA

  • X (formerly Twitter)
  • LinkedIn
  • Youtube
bottom of page